Lokali Parlament Saħħa

Aktar minn 8,600 jiffirmaw il-petizzjoni biex jiġi protett l-embrijun

Il-petizzjoni online għadha miftuħa

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia fi stqarrija spjega li l-ħsara fis-sistema online tal-petizzjonijiet fil-website tal-Parlament, kienet dovuta għal tibdil tekniku minn Google. Dan intqal b’referenza għall-ilmenti li dehru fuq is-social media u fil-ġurnali online dwar l-iffirmar tal-petizzjoni favur il-protezzjoni tal-embrijun, li bħalissa tinsab miftuħa għall-firem fuq is-sit elettroniku tal-Parlament.

Kien nhar il-Ġimgħa meta rriżultaw problemi għal dawk il-persuni li ppruvaw jiffirmaw kemm din il-petizzjoni kif ukoll oħrajn li kienu għadhom miftuħa għall-firem. Is-sistema reġgħet ġiet għan-normal ilbieraħ filgħodu, sostna l-Ispeaker fl-istqarrija.

L-uffiċċju tal-Ispeaker qal li l-petizzjoni favur l-embrijuni ġiet iffirmata min 8601, u għadha miftuħa.

Il-vot dwar l-emendi għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, fi stadju ta’ Tieni Qari, se jkun qed jittieħed għada.

L-Eżekuttiv tal-PN diġa’ iddikjara li l-PN jibqa’ favur il-ħajja sa mill-konċepiment. Il-Kap tal-PN Adrian Delia ta’ freevote lid-deputati tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq din it-tema.