Lokali Qorti

IL-QTIL TA’ CARUANA GALIZIA: Wara sagħtejn ta’ battibekki…jixhdu l-esperti tal-FBI

Tensjoni fl-awla tal-Qorti hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni

Il-kumpilazzjoni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet sospiża għal xi ħin wara talbiet ripetuti mid-difiża sabiex ir-rappreżentanti tal-FBI ma jixhdux. Bil-kelliem tal-Avukat Ġenerali qal li dan hu biss “abbuż” intiż sempliċiment biex jitwalu l-proċeduri.

Fl-awla hemm preżenti t-tliet akkużati, kif ukoll ir-raġel ta’ Caruana Galizia.

Wara sagħtejn ta’ battibekki, u wara li l-Qorti iddeliberat fuq is-sottomissjonijiet tad-difiża, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddeċidiet li tisma’ ix-xiehda tal-FBI. Preżenti fl-awla kien hemm l-aġenti Agents Richard Fennern u William Shute.

Huma spjegaw fid-dettall kif bdew ix-xibka ta’ komunikazzjoni li għaddiet bejn it-tliet akkużati, wara li analizzaw is-sinjali tat-telefowns ċellulari.

L-aġenti tal-FBI kienu waslu Malta jumejn wara l-assassinju.

Fil-Qorti illum xehed ukoll espert tal-Europol. Hu qal li l-bomba kienet waħda maħduma apposta biex toqtol il-ġurnalista. It-total ta’ splussiv kien ta’ madwar 400g TNT.

Interessanti l-fatt illi skont l-investigaturi, il-bomba kienet tpoġġiet fuq ġewwa tal-karozza, taħt is-seat tas-sewwieq.

L-espert tal-Europol wasal Malta ġimgħatejn wara l-assassinju.

Il-każ se jkompli jinstema’ fl-14 ta’ Ġunju.

AĠĠORNATA:

Aktar kmieni fil-Qorti kien hemm mumenti ta’ tensjoni wara li d-difiża irreferiet għal dak li qal l-avukat Jason Azzopardi fil-Parlament ftit tal-jiem ilu.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li dak li ntqal fil-Parlament żgur mhux se jinfluwenza lilha fid-deċiżjonijiet li tieħu.

Jason Azzopardi kien żvela li l-uffiċjal tal-pulizija li nforma lill-akkużati involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bir-rejd li kien se jsir fuqhom hu l-uffiċjal Aldo Cassar. Żvela wkoll illi l-Kummissarju tal-Pulizija kellu din l-informazzjoni iżda m’għamel xejn anzi aġevola lill-istess uffiċjal tal-pulizija.

Hu rrifera għall-interrogazjzoni li saret lill-akkużati tal-qtil ta’ Caruana Galizia, fejn is-Surġent qal lil wieħed mill-akkużati li l-pulizija kienu ġejjin għalihom. Is-Surġent staqish ukoll min qallhom u kif kienu jafu. “Dan hu fatt serju għaliex suppost l-operazzjoni kienet sigrieta”, kien stqarr fil-Parlament Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi kien stqarr li kien hemm numru kbir ta’ mobiles li intremew fil-baħar mill-akkużati u staqsa kif ġiethom il-muża li jarmu l-mobiles. “Fil-gvern hemm min għandu interess jaħbi t-traċċi ta’ ċertu affarijiet. Dan kien każ ta’ ksur tas-sigurtà tal-pajjiż fejn illum uħud mill-pulizija korrotti min-naħa ta’ fuq għandhom ċertu interessi. Dan n-nuqqas espona għall-periklu lill-uffiċjali tal-pulizija u tal-AFM li ħadu sehem fl-operazzjoni biex jinqabdu l-akkużati”.