Il-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-avukat Nickie Vella de Fremeaux, żaret l-uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fejn hemm iltaqgħet mal-ħaddiema u kellha taħdidiet ma’ John Cachia, il-Kummissarju preżenti, u akkademiċi mid-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Hi saħqet fuq l-importanza li tingħata viżabiltà lil kull min ibati minn din il-kundizzjoni sabiex iħossuhom komdi jitkellmu u jsibu l-għajnuna. Bosta huma n-nies li jħossuhom komdi javviċinawha sabiex jesprimu dak li jġarrbu u appellat għall-aktar riżorsi f’dan is-settur li jiffaċilitaw il-kuntatt ma’ nies bi problemi ta’ saħħa mentali:
“Altrimenti jekk inti tħalli ż-żmien jgħaddi, il-problema se tikber. U jekk inti tindirizza l-problema mill-ewwel, iktar faċli u saħansitra tevita li jintbagħat l-isptar.”
Il-bidla fil-mentalità tas-soċjetà lejn dawn in-nies hija katalista biex dan il-qasam jimxi ‘l quddiem.
Vella de Fremeaux ddeplorat kull azzjoni, żgħira kemm hi żgħira, li twaqqa’ l-moral ta’ dawn in-nies f’ħakka t’għajn:
“Kien hemm ċerti inċidenti fejn sfortunatament in-nies li kienu lesti li jitkellmu bdew jibżgħu, għax reġgħu ħasbu li n-nies jittimbrawhom bħala morda u li ma tistax taħdem jekk jitkellmu apertament li għandhom id-dipressjoni. Effettivament, kull persuna li għandha problema ta’ saħħa mentali tista’ ssib il-kura, tista’ taħdem u hemm diversi postijiet bħal-Lino Spiteri Foundation, li joffru sostenn biex wieħed jidħol u jżomm postu fid-dinja tax-xogħol.”
Hija rringrazzjat lill-ħaddiema kollha f’dan il-qasam tax-xogħol imprezzabbli ma’ dawn il-pazjenti, meta wieħed iqis il-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu u jikkuraw il-pazjenti.
Gertrude Buttiġieġ, Uffiċjal tal-Komunikazzjoni, elaborat aktar dwar ix-xogħol tal-Uffiċċju, li huwa mwaqqaf bil-liġi biex iħares il-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali:
“Hawnhekk naraw li meta persuni jiddaħlu għall-kura, ikunu qiegħdin hemm għaliex għandhom bżonn, ma jinżammux iktar milli għandhom bżonn jinżammu u naħdmu ukoll mat-tim mediku li jkun qed jikkura l-pazjent. L-uffiċċju jinkoraġixxi lis-soċjetà biex ittejjeb il-viżjoni tagħha dwar il-problemi ta’ saħħa mentali biex issir aktar inklussiva u taċċetta dawn in-nies b’kwalunkwe sitwazzjoni.”
Intant, il-Kummissarju Cachia qal li x-xewqa tiegħu hi li jkunu n-nies stess li jieħdu l-inizjattiva u joħolqu kuxjenza dwar is-saħħa mentali. Hawn semma’ l-kampanja #STOPStigma u radd ħajr lil Dr. Nickie Vella de Fremeaux għax-xogħol kbir tagħha bħala ambaxxatriċi ta’ din il-kampanja u tal-inizjattivi li qed tieħu biex tixxejjen din l-istigma.
L-akkademiċi fl-Università ta’ Malta preżenti għal-laqgħa rrimarkaw kif it-terapija tal-pazjenti mal-annimali f’waħda mis-swali tal-isptar Monte Karmeli twaqqaf kompletament f’dawn l-aħħar ftit snin minħabba xogħolijiet fil-ġonna tal-istess sptar. Elenkaw ukoll kif dawk li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet għandhom is-sick leave ordinarju biss dispost għalihom. Għalhekk, huwa imperattiv li tinħoloq kuxjenza sabiex dawn in-nies jiġu ntegrati fid-dinja tax-xogħol flok emarġinati mis-soċjetà.
//= $special ?>