Lokali

€1.1 miljun fi vjaġġi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru

L-uffiċċju tal-Prim Ministru nefaq madwar 1.1 miljun ewro fuq vjaġġar bejn Frar tal-2017 sal-aħħar tal-2017.

Dan ħareġ minn tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

L-iktar vjaġġ li sewa kien wieħed relatat mal-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea, dan il-vjaġġ sewa €84,199. Id-delegazzjoni kienet tinkludi lill-Prim Ministru, l-uffiċjali tal-komunikazzjoni Kurt Farrugia u Mark Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Jonathan Cardona.

It-tieni l-iktar vjaġġ li sewa kienet il-parteċipazzjoni tal-Prim Minsitru waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, vjaġġ li sewa €81,348. F’dan il-każ id-delegazzjoni kienet magħmula mill-Prim Ministru, mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, u l-uffiċjali tal-komunikazzjoni Mark Farrugia u Matthew Carbone.

Għas-sena 2018 il-lista ta’ vjaġġi kienet tinkludi total ta’ erba’ vjaġġi għal total ta’ €36,692, iżda ma kienetx tinkludi fost oħrajn il-vjaġġ li l-Prim Ministru għamel lejn l-Awstralja f’Marzu li għadda għal ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth.