Lokali Saħħa

“Fittex l-għajnuna biex tikseb ħajtek mill-ġdid”

Ritratt: Martin Agius
Nickie Vella de Fremeaux tattendi taħdita edukattiva dwar is-saħħa mentali

Il-Kummissjoni Nisa Qalbisti, fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi, hija l-ewwel fergħa bandistika f’Malta li qatt organizzat taħdita edukattiva biex tkabbar l-għarfien dwar is-saħħa mentali.

Għall-attività #StopStigma, li ttellgħet it-Tlieta filgħaxija fi Ġnien l-Armier f’Ħal Qormi, attendiet il-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-avukat Nickie Vella de Fremeaux.

F’intervent qasir, hija qalet li għalkemm il-mard mentali mhuwiex l-għażla tal-individwu, id-deċiżjoni li jfittex għall-kura hija tiegħu. Għalhekk ħeġġet lil kull min ibati minn xi kundizzjoni jew oħra biex jegħleb il-biża’ li xi ħadd se jittimbrahom jew jikkundizzjonahom u jfittxu l-għajnuna biex jiksbu ħajjithom mill-ġdid. Ħadd m’għandu dritt jiġġudika għaliex il-mard mentali mhu xejn kbir u Dr. Vella de Fremeaux temmet tħeġġeġ lin-nies biex jieqfu jaħbu dawn il-problemi, partikolarment fost it-tfal, u għandna nedukaw aktar lis-soċjetà sa mit-tfulija.

Fost il-membri tal-panel tad-diskussjoni kien il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Mentali, Mario Galea, li faħħar il-kuraġġ tal-organizzaturi li għażlu suġġett stigmatizzanti biex jinstigaw id-diskusssjoni u jkattru l-għarfien fi ħdan il-komunità Qormija. Id-deputat Nazzjonalista, li huwa lettur dwar is-saħħa mentali fl-Università, irrimarka kif inhi allarmanti r-rata ta’ persuna għal kull erbgħa globalment li jbatu minn xi mard mentali. Ħadd m’għandu jitkaża b’ħadd għaliex xi darba jew oħra f’ħajtu, wieħed jista’ jkollu qarib jew ħabib li jbati minn din il-kundizzjoni bijoloġika. Is-soċjetà għandha tagħraf li ma titttolera bl-ebda mod l-istigma u li jkollha l-għarfien meħtieġ li tgħin lil niesha jfittxu l-għajnuna li teżisti għal kulħadd, temm jelenka Mario Galea.

Preżenti għat-taħdita edukattiva kien hemm għadd ta’ kunsilliera Nazzjonalisti fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, liema Kunsill kkollabora biex setgħet tittella’ l-attività.