Futbol Sport

FUTBOL INGLIŻ – Pellegrini maħtur kowċ ta’ West Ham Utd

Pellegrini se jibda jmexxi lil West Ham Utd

West Ham Utd ħabbru li ħatru lil Manuel Pellegrini bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom. Hu ffirma kuntratt ta’ tliet snin u se jirċievi salarju ta’ ħames miljun lira sterlina fis-sena. F’dawn l-aħħar ġimgħat Pellegrini kien għadu kemm ħalla lit-tim Ċiniż ta’ Hebei China Fortune.

Hu se jkun qed jieħu post David Moyes wara li dan tal-aħħar għen lit-tim jsalva postu fil-Premiership. Moyes ħalla lit-tim u kien għalhekk li West Ham Utd bdew ifittxu kowċ ġdid.

Huma finalment għażlu lil Pellegrini li fil-passat ħadem fl-Ingilterra meta mexxa lil Manchester City.
Mas-Citizens hu rebaħ il-kampjonat u darbtejn il-League Cup. Barra minn hekk, taħt it-tmexxija ta’ Pellegrini, Man City rnexxielhom jaslu għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom sas-semifinali taċ-Champions League.

Hu dam sentejn imexxi lil Hebei China Fortune li bħalissa jinsabu fin-nofs tal-klassifka hekk kif il-kampjonat waqaf sakemm tintemm it-Tazza tad-Dinja.

Ta’ min jgħid li l-manager ta’ Newcastle Rafa Benitez minn dejjem kien l-ewwel għażla ta’ West Ham Utd imma finalment dawn ħatru lil Pellegrini li fil-passat kien mexxa anke lit-tim ta’ Malaga.