Il-Gvern Iżlamiku fl-Iran ikkundanna bl-aħrax lill-Istati Uniti talli qed tħejji biex timponi ‘l-aktar sanzjonijiet ħorox fl-istorja’ għall-Istat fundamentalista.
Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif , qal li l-miżuri li dettalja s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, urew li l-Istati Uniti ‘spiċċat priġunier tal-politika falluta tagħha stess’ waqt li hedded li Washington ‘irid iħallas il-konsegwenzi’.
Intant, Federica Mogherini, l-uffiċjal li qed tmexxi l-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, ukoll ikkritikat lill-Istati Uniti u sostniet li Pompeo ma weriex kif iċ-ċaħda Amerikana tal-ftehim nukleari tal-2015 bejn il-potenzi tad-dinja u l-Iran għandha tiggarantixxi s-sigurtà fil-Lvant Nofsani.
Mogherini insistiet li ma teżistix alternattiva għal dan il-ftehim storiku li l-President Amerikan, Donald Trump, kien ħalef li jwarrab għalih aktar kmieni fix-xahar. Hi qalet ukoll li l-UE għandha żomm ma’ dan il-ftehim dment li l-Iran ikompli jirrispetta l-impenji u l-obbligi tiegħu.
Mike Pompeo ħabbar li l-Istati Uniti għandha tintroduċi mill-ġdid is-sanzjonijiet għall-Iran li kienu tneħħew wara l-ftehim tal-2015, minbarra miżuri ġodda li jgħinu jimponu ‘pressjoni finanzjarja bla preċedent fuq ir-reġim Iranjan’. Pompeo anki fassal il-kundizzjonijiet għal kwalunkwe ftehim ġdid mal-Iran fosthom l-irtirar tal-qawwiet Iranjani mis-Sirja u t-tmiem għall-appoġġ ( Iranjan) lir-ribelli fil-Jemen.
//= $special ?>


