– Toni Bezzina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-aġenzija dwar it-toroq li se joħloq il-gvern se tkun qed tannulla l-funzjoni tal-kunsilli lokali dwar it-toroq għaliex se jkun il-gvern u l-ministru li jiddeċiedu liema toroq isiru.
Fil-parlament Toni Bezzina qal li dan hu gvern li ma jemminx fil-konsultazzjoni iżda jagħti biss informazzjoni. Il-Gvern mhux jikkonsulta mal-kunsilli lokali dwar il-funzjoni tal-aġenzija. Hu qal li jaqbel li tkun iffurmata entitità li tgħin lill-kunsilli fil-manutenzjoni tat-toroq iżda l-gvern m’għandux jelimina l-involviment tal-kunsilli lokali dwar liema toroq isiru.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kunsilli lokali xtaqu jirranġaw it-toroq iżda qed jiffaċċjaw problema ta’ nuqqas ta’ fondi. Il-€100 miljun fis-sena li se jintefqu għat-toroq jinkludu dawk arterjali u distributorji. Il-maġġoranza tal-€100 miljun huma parti mill-€1,000 miljun li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ġab għal Malta.
Toni Bezzina qal li hawn diversi toroq li fuqhom ix-xogħlijiet ilhom is-snin u għalhekk mhux minnu li l-gvern se jlesti t-toroq skont il-pjan li qed jgħid li għandu. Hu semma’ l-proġetti li wettqu gvernijiet Nazzjonalisti fit-toroq tul Malta kollha u Għawdex. Mill-Oppożizzjoni, il-PN għamel diversi proposti għal trasport alternattiv.
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina kompla li l-liġi se tannulla l-funzjoni tal-kunsilli lokali fejn mhux se jkun hemm konsultazzjoni. Il-Gvern qed inaqqas ir-responsabbiltajiet kważi kollha li kellhom il-kunsilli lokali billi ċċentralizza l-poter kollu tant li l-kunsilli lokali saru qishom uffiċini. Din il-liġi se telimina l-prinċipju tas-sussidarjetà biex issa se jkun il-ministru li jiddeċiedi waħdu fejn isiru t-toroq. Il-kunsilli se jkunu bla vuċi.
Toni Bezzina sostna li l-aġenizja se tkun qed taġixxi ta’ regolatur u operatur; f’sitwazzjoni li se toħloq konflitt ta’ interess. Ir-regolatur għandu jibqa’ Transport Malta u mhux l-aġenzija, sostna Toni Bezzina, li kompla li, l-aġenzija qed tagħti x-xogħol tat-tarmac b’direct order inkluż il-konsulenza. Dan meta s-€700 miljun huma kollha ġejjin mit-taxxi tal-poplu. Il-ministru se jkollu l-poter li jagħżel lill-membri tal-bord tal-aġenzija minflok jinħarġu sejħiet għall-offerti.
Il-kunsilli lokali mhux se jkollhom leħen dwar liema toroq se jsiru għax se jkun il-ministru li jiddeċiedi. Minkejja dan, ir-responsabbiltà tat-toroq xorta se tibqa’ tal-kunsilli lokali. It-toroq li l-ministru jiddeċiedi li ma jsirux jaqgħu taħt il-kunsilli lokali. Transport Malta mhux se tkun ir-regolatur fuq l-aġenzija.
Toni Bezzina appella lill-Ministru tat-Trasport biex jiċċarja d-diversi aspetti ta’ din il-liġi u sostna li hu mhux kontra entità li tgħin lill-kunsilli lokali iżda hemm bżonn informazzjoni ċara dar kif din se tkun qed topera.
//= $special ?>