‘Ma nistgħux nibqgħu niżviluppaw fuq art verġni mingħajr pjan. In-nies jixirqilhom li jgħixu f’ambjent nadif u aktar ħadrani.’
Iddikjara dan il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa bejn il-Partit Nazzjonalista u l-GRTU, fejn il-President Paul Abela kien akkumpanjat minn sidien ta’ pompi tal-petrol.
Waqt li l-President Paul Abela fakkar li wara dawn is-sidien hemm ġenerazzjonijiet ta’ ħidma fil-familja, il-kap tal-Partit Nazzjonalista qabel mal-bżonn li jitneħħa l-periklu li uħud mill-pompi tal-petrol ipoġġu lir-residenti għaliex jinsabu fil-qalba ta’ villaġġi.
Delia qal li jeħtieġ li jitfasslu policies li jinkludu r-realtajiet tal-pajjiż u tas-soċjetà. Dan għaliex il-Gvern l-ewwel jrid jaqdi lil ftit qabel issir ir-reviżjoni tal-policies. Minflok in-nies jixirqilhom li l-ewwel nippjanaw fit-tul imbagħad jinbidlu l-policies. Adrian Delia qal li pjan fit-tul għandu jinkludi studju fejn jiġi stabbilit l-ammont ta’ pompi tal-petrol li l-pajjiż għandu bżonn.
Ma’ dan qabel ukoll Paul Abela li qal li hemm bżonn jsir pjan fit-tul dwar l-ammont tal-pompi tal-petrol li hawn bżonn f’Malta speċjalment jekk maż-żmien se jiżdiedu l-vetturi li jagħmlu użu minn sorsi ta’ fuelalternattivi għall-petrol u d-diesel.
F’kummenti lil Net News, il-President tal-GRTU qal li jidher li hemm kunsens bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni għall-aġġornament tal-politika dwar il-pompi tal-petrol u jappella biex il-bidliet jiġu implimentati mill-iktar fis possibbli.
Paul Abela qal li laqgħat bħal dawn huma importanti għall-union li jirrappreżenta biex tiżgura kontinwità fil-ħidma mal-partiti politiċi.
Il-kwistjoni tal-pompi tal-petrol ilha fl-aħbarijiet għall-aħħar ġimgħat hekk kif għaqdiet ambjentali kkritikaw lill-Awtorità tal-Ippjanar li akkużawha li qed tapprova permessi għall-bini ta’ pompi tal-petrol f’ODZ b’għaġġla qabel isir l-aġġornament tal-politika dwar il-pompi tal-petrol.
Il-Partit Nazzjonalista huwa favur li ssir reviżjoni tal-policiesdwar il-pompi tal-petrol li ma jagħtux lok għal abbuż u tinqered art ‘il barra mill-iżvilupp meta ssir rilokazzjoni jew il-bini ta’ pompi ġodda. Il-Partit Nazzjonalista huwa favur ukoll ir-rilokazzjoni ta’ pompi tal-petrol miċ-ċentru tal-lokalitajiet, li qed jikkawżaw inkonvenjent lin-nies.
Għal din il-laqgħa mal-GRTU, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Proġetti Kapitali u l-Ippjanar Marthese Portelli.