Kmieni t-Tlieta waranofsinhar, l-eks-Ambaxxatur Joe Cassar ingħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fl-Imsida. Il-quddiesa tqaddset mill-Kappillan Misidjan, il-Kan. Simon Sciberras, u konċelebrata minn għadd ta’ saċerdoti oħra.
Fl-omelija tiegħu quddiem knisja ppakkjata b’familjari u ħbieb ta’ Cassar, Dun John Avellino elenka l-valuri tal-għerf, l-umiltà u l-integrità fost l-oħrajn. Hawn appella lill-familjari tiegħu biex iżommuhom bħala testment ħaj tiegħu.
Huwa qal li kif bix-xogħol diplomatiku tiegħu lil hinn minn xtutna bbażata fuq il-ġustizzja soċjali, ġab ‘il quddiem isem pajjiżna fuq l-isfera nternazzjonali u għalhekk, Malta hija midjuna miegħu u ma’ familtu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, mexxa delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li attendiet għall-funeral.
Joe Cassar serva bħala l-ambaxxatur ta’ pajjiżna f’diversi pajjiżi għal snin twal: rappreżentant Malti permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra bejn l-1991 u l-1993, f’ New York bejn 1993 u l-1996 u ambaxxatur fl-Italja bejn l-1999 u l-2002. Serva wkoll bħala ambaxxatur Malti għaċ-Ċina, ir-Russja u l-Libja.
Dr Cassar għamel żmien jikkopa l-kariga ta’ Direttur Editorjali tal-Istamperija Indipendenza, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista u kontributur ukoll fl-AŻAD.
Huwa kien ukoll kittieb u kien l-awtur tal-ktieb Gonzi and Malta’s break with Gaddafi, b’riflessjonijiet dwar il-qagħda fil-Libja wara l-waqa’ tar-reġim ta’ Gaddafi.
//= $special ?>