Sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea, f’dawn il-jumejn fi Brussell qed ikun organizzat seminar għall-ġurnalisti u rappreżentanti tal-istazzjonijiet tat-Televiżjoni, fosthom iċ-Chairman ta’ Net Media Pierre Portelli, bi preparazzjoni għal dawn l-elezzjonijiet importanti. Qed jattendi wkoll il-Programmes Manager ta’ Net TV Fabian Demicoli.
Is-seminar kien indirizzat mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani li spjega li l-elezzjonijiet ta’ Mejju tas-sena ddieħla huma mportanti ħafna u l-midja għanda rwol importanti li twassal il-messaġġ tajjeb u li twassal l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijiet biex in-nies joħorġu u jivvutaw u jagħżlu huma l-membri li jirrappreżentawhom fil-Parlament Ewropew.
Matul dan is-seminar il-Parlament Ewropew se jkun qed jispjega lir-rappreżentanti tal-midja dwar l-għodda u dak kollu li l-Parlament Ewropew se jkun qed joffri lill-istazzjonijiet biex il-messaġġ sena oħra jasal bl-aqwa mod possibbli.
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani semma wkoll il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-qtil tal-ġurnalist Slovakk u reġa’ tenna li rridu nkunu nafu min qatel dawn il-ġurnalisti u għaliex inqatlu, sostna li ma nistgħux nitilfu l-liberta’ tal-espressjoni biex ikollna demokrazija b’saħħitha.
Inċidentalment is-seminar qed isir fil-ġurnata li fil-bini tal-Parlament Ewropew preżenti hemm is-sid ta’ facebook Mark Zuckerberg fejn se jiltaqa mal-President tal-Parlament Ewropew u jwieġeb dwar l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica.