Internazzjonali

Is-Sirja: Isaħħu l-kontroll f’’zoni ta’ Damasku wara r-rebħa fuq l-ISIS

 

Il-militar tas-Sirja, għall-ewwel darba f’sitt snin, qed jassumi kontroll assolut fiz-zoni kollha madwar il-kapitali Damasku wara li t-truppi keċċew lill-aħħar militanti tal-ISIS mill-kamp ta’ Yarmouk għar-refuġjati Palestinjani u mid-distrett ta’ Hajar al-Aswad.

Il-kelliema għall-Armata qalu li, issa, hemm sigurtà totali fil-kapitali u l-inħawi ’l hinn minnha, fost rapporti li wħud mill-ġellieda Iżlamiċi telqu minn hemmhekk lejn inħawi fil-Lvant tas-Sirja.

Il-konflitt ċivili tas-Sirja beda fl-2011 bi protesti kontra l-President Sirjan, Bashar al-Assad, u fis-sena ta’ wara il-Gvern beda jitlef partijiet ta’ Damasku, flimkien ma’ territorju ieħor, lill-ġellieda Iżlamiċi (ġiħadisti) u movimenti oħra ta’ ribelli.

Iżda l-intervent tar-Russja u l-Iran – it-tnejn alleati kbar ta’ Assad – fil-konflitt qalbu l-bilanċ fuq il-kamp tal-battalja f’dawn is-snin. B’hekk ukoll, il-President Sirjan seta’ jieħu lura l-kontroll fuq Damasku u bliet ewlenin oħra fil-Punent tas-Sirja.

Il-konflitt Sirjan ħalla tal-anqas 350,000 mejtin u ’l fuq minn 11-il miljun refuġjat.

Issa, wara sensiela ta’ azzjonijiet intensivi mill-Armata Sirjana, ‘it-truppi rnexxielhom jikinsu lill-militanti u r-ribelli mill-madwar – f’dan il-każ il-kampanja u bliet oħra fil-periferija – ta’ Damasku’. Fl-istess ħin, il-kelliema qalu li mietu ‘numru kbir ta’ militanti tal-ISIS’ fil-battalji għall-kontroll ta’ Yarmouk u Hajar al-Aswad.