Internazzjonali Knisja

SKANDLU FL-AWSTRALJA: Arċisqof li ħeba każi ta’ abbuż fuq tfal

L-Arċisqof Philip Wilson
Is-sentenza mistennija tingħata x-xahar id-dieħel

Hija xokkanti l-istorja tal-Arċisqof ta’ Adelaide li tmur lura għas-snin Sebgħin – Arċisqof li kellu quddiemu każ ċar ta’ pedofelija minn saċerdot, iżda għażel li jibqa’ sieket. Mons. Philip Wilson ħeba każ ta’ abbuż fuq erbat itfal minn Dun James Fletcher. Kieku tkellem u kixef dak li kien jaf, wieħed mit-tfal kien jiġi salvat żgur minn din it-trawma.

Huma dettalji li joħorġu minn deċiżjoni tal-Qorti fl-Awstralja li sabet lil Mons. Wilson ħati li ħeba dan l-abbuż sesswali fuq it-tfal, li uħud minnhom kienu abbatini.

Il-verdett ingħata mill-Maġistrat Robert Stone wara li l-Arċisqof ta’ Adelaide għadda ġuri bla ġurati.

Mons. Wilson qed jiffaċja sentenza ta’ sentejn priġunerija.

Ix-xahar li għadda, il-Papa Franġisku ammetta li għamel żbalji serji fil-konfront tal-Poplu Ċilen fir-rigward tal-iskandlu ta’ abbuż sesswali, u stieden lill-vittmi ta’ dan l-iskandlu biex imorru Ruma ħalli jitlobhom maħfra.