Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li hemm ‘ċans sostanzjali’ li s-summit storiku li hu programmat għax-xahar id-dieħel bejnu u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, isir ‘f’xi data oħra’.
Trump qal dan waqt li kien qed jilqa’ lill-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, fil-White House, biex jiddiskutu dan is-summit ‘u x’jista’ jinqala’.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, il-Korea ta’ Fuq qalet li tista’ tħassar is-summit f’każ li l-Istati Uniti tibqa’ tinsisti biex ir-reġim komunista fi Pyongyang iwarrab għall-armi nukleari b’mod unilaterali.
Is-summit għandu jsir f’Singapore fit-12 ta’ Ġunju u Trump, issa, ġie kwotat li ‘jekk dan ma jseħħx, (is-summit) forsi ikun jista’ isir aktar ‘il quddiem’.
Din il-ġimgħa, il-Korea ta’ Fuq għandha żżarma sit li kienet tuża għall-provi nukleari bħala ġest ta’ rieda tajba. Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-maltemp jista’ ‘jitfa’ lura’ il-proċess.
Aktar qabel, il-Viċi President Amerikan, Mike Pence, wissa lil Kim Jong-un ‘biex ma jippruvax jilgħab u jqarraq’ bil-President Trump, f’każ li s-summit jimxi mal-programm. Pence qal li jekk Kim jipprova jqarraq ‘ikun qed jiżbalja bil-kbir’ għaliex il-President Trump ‘mhux se jaħsibha darbtejn’ biex jitlaq mis-summit f’każ li jara li l-Korea ta’ Fuq m’għandhiex l-intenzjonijiet ġenwini.
//= $special ?>


