Pajjiżna hemm bżonn jieħu diversi miżuri hekk kif is-sitwazzjoni attwali fis-suq tax-xogħol qed tpoġġi theddida fuq il-produttività u l-kompetittività tan-negozji Maltin. Tiddikjara dan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, li fi preżentazzjoni quddiem il-Kabinett għaddiet sensiela ta’ proposti li permezz tagħhom dawn il-problemi jistgħu jittaffew.
Fost dawn, il-Kamra tal-Kummerċ tissuġġerixxi li jittieħdu miżuri u jingħataw inċentivi biex l-anzjani jkomplu fid-dinja tax-xogħol, isiru audits dwar il-ħiliet tal-ħaddiema, riformi fil-kurrikulum edukattiv tal-pajjiż, jiġu implimentati miżuri biex ikun faċilitat l-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin kif ukoll issir kampanja internazzjonali li tippromwovi l-opportunitajiet ta’ xogħol li wieħed jista’ jsib f’Malta.
Fid-diskors tiegħu, il-President Frank V Farrugia ddikjara li l-Kamra tal-Kummerċ qed tkun proattiva billi hi wkoll tipproponi soluzzjonijiet għall-problemi eżistenti. Dan hekk kif iddikjara li n-negozji Maltin qed isibuha dejjem iktar problematika li jsibu nies bil-ħiliet neċessarji biex isostnu t-tkabbir tal-operat.
Min-naħa tiegħu Nigel Mifsud, inkarigat mit-tassil tal-politika ppreżentata mill-Kamra tal-Kummerċ, iddikjara li l-ikbar sfidi attwali huma imposti fuq in-negozjanti Maltin minħabbba l-kundizzjonijiet attwali tas-suq tax-xogħol.
“Min iħaddem f’pajjiżna qed jaffaċċja nuqqas sever ta’ impjegati, f’sitwazzjoni aggravata minn livelli dejjem inqas ta’ produttività,” stqarr Mifsud.
Wissa’ li t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija jinsab taħt theddida hekk kif is-suq tax-xogħol lokali mhux ilaħħaq u teżisti sitwazzjoni fejn il-pajjiż ma jiflaħx jiddependi biss fuq ir-riżorsi tiegħu biex jilħaq id-domanda tal-ekonomija.
//= $special ?>
