Internazzjonali

It-Turkija: Għomorhom il-ħabs għall-kolp ta’ stat fallut

Qorti fil-belt ta’ Izmir ikkundannat 104 eksfizzjal militari għal għomorhom il-ħabs b’konnessjoni ma’ sehemhom fil-kolp ta’ stat fallut tal-2016 kontra l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan. L-imputati weħlu ‘sentenzi aggravati’ li, minbarra li jesiġu biex huma ma joħorġu qatt mill-ħabs, iġorru kriterji oħra ‘aktar ibsin’ minn sentenzi oħrajn fuq dan il-livell.

Il-President Erdogan kien qal, qabel, li hu favur li l-pajjiż jerġa’ jdaħħal is-sentenza tal-mewt għall-persuni li jippjanaw u jinvolvu ruħhom f’kolp ta’ stat.

Il-kolp ta’ stata fallut kien seħħ fil-15 ta’ Lulju tal-2016 u ħalla tal-anqas 260 mejtin u ’l fuq minn 2,000 midruba. Minn dak iż-żmien, il-Gvern Tork mexxa kampanja mill-aktar ripressiva fil-konfront ta’ allegati sostenituri tal-kumplott u li wasslet għall-arrest ta’ madwar 50,000 persuna — b’aktar minn 150,000 jitkeċċew mill-impjieg mal-Istat.

Intant, il-qorti f’Izmir għaddiet sentenzi anqas iebsa għal aktar minn 50 imputat fost il-280 eksmilitar ipproċessati. Is-sentenzi varjaw bejn 20 sena ħabs ‘għall-appoġġ lill- attentat fuq il-President’ u minn seba’ sa 11-il sena ħabs ‘għal sħubija fi grupp terroristisku’.

L-awtoritajiet Torok akkużaw lill-moviment leali għar-reliġjuż Musulman, Fethullah Gulen, bħala l-ixprun wara l-kolp ta’ stat tal-2016. Intant, Gulen, li ilu jgħix f’eżilju fl-Istati Uniti mill-1999, ċaħad kull sehem fil-kolp ta’ stat, waqt li Washington irreżista d-domandi mill-awtoritajiet Torok biex jestradih lejn it-Turkija.