Il-mejtin fl-agħar diżastru tal-ajru għal 30 sena f’Kuba żdiedu għal 111 wara l-konferma li waħda mill-passiġġieri feruti mietet, sigħat ilu, mill-ġrieħi li ġarrbet.
Il-vittma, Grettel Landrove, studenta ta’ 23 sena, kienet fost l-uniċi tliet persuni li salvaw meta ajruplan Boeing, fil-lejl tal-Ġimgħa, iġġarraf ftit wara li kien beda titjira domestika mill-ajruport ta’ Josè Marti, f’Havana. It-tnejn l-oħra, Mailen Diaz, ta’ 19-il sena u Emiley Sanchez, ta’ 39 sena, għadhom rappurtati f’kundizzjoni kritika.
Intant, l-awtorità tal-ajru ċivili tal-Messiku sospendiet l-operat tal-kumpanija Aerolineas Damojh, li kienet kriet il-Boeing inkwistjoni lil-linja tal-ajru ta’ Kuba, Cubana de Aviacion. Dan meta l-kumpanija Messikana tinsab ‘taħt proċess ta’ verifika straordinarju’.
Id-Direttorat Ġenerali tal-Avvjazzjoni Ċivili Messikan, intant, qal li l-awtorità qed tfittex informazzjoni li għandha tgħin l-investigazzjoni dwar it-tiġrif u dwar jekk il-kumpanija taħt il-lenti hix issegwi r-regoli speċifiċi stabbiliti.
//= $special ?>


