Lokali

Adrian Delia jżur Mdina Glass: “L-artiġjanat hu settur li jtina identità u għandna nappoġġjawh”

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar il-ħaddiema tal-kumpanija Mdina Glass fi ħdan il-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali.

Akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Kristy Debono u mill-kandidati Amanda Abela, Karl Muscat u Marvin Abela, Adrian Delia seta’ jammira d-dedikazzjoni u l-kapaċità tal-impjegati Maltin.

Adrian Delia faħħar lil Joseph Said u familtu, sidien ta’ Mdina Glass, li llum-il ġurnata jħaddmu mal-ħamsin persuna. Iddeskriva lilhom u x-xogħol tagħhom bħala kontribut importanti għall-identità Maltija.

Il-kumpanija Mdina Glass din is-sena qed tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha – kumpanija pijuniera f’dan is-settur li għarfet timxi maż-żminijiet biex tibqa’ l-kumpanija ewlenija tat-tip tagħha f’pajjiżna.

Filfatt Mdina Glass bdiet taħdem fl-1968  biex saret l-ewwel produttur tal-oġġetti magħmula mill-ħġieġ lokalment kif ukoll l-ewwel entità kummerċjali li bdiet topera mill-post li qabel kien ajruport abbandunat f’Ta’ Qali.

Dan il-pass wassal biex eventwalment il-kumpanija wittiet it-triq għal villaġġ tal-artiġjanat, bi Mdina Glass li matul is-snin, taħt it-tmexxija tal-familja Said, investiet fil-binja biex tjiebet ukoll l-esperjenza tal-viżitaturi, il-faċilitajiet biex isir il-prodott fil-ħġieġ kif ukoll ġew introdotti tekniċi ġodda għal pajjiżna.

Illum-il ġurnata l-kumpanija saħansitra ħolqot ħanut onlajn, biex taqdi l-klijenti madwar id-dinja.