Il-President Taljan Sergio Mattarella, ta l-mandat biex jifforma l-Gvern il-ġdid Taljan lill-professur tal-liġi Giuseppe Conte.
Dan wara li l-Moviment Cinque Stelle (M5S) u La Lega qablu li għandu jkun hu li jmexxi l-Gvern il-ġdid Taljan. Conte hu qrib il-mexxej tal-M5S Luigi Di Maio. Di Maio u Matteo Salvini tal-Lega kienu ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jippruvaw jiffurmaw koalizzjoni ta’ gvern minħabba r-riżultat inkonklussiv wara l-elezzjoni tal-4 ta’ Marzu.
Di Maio u Salvini qalu li Conte kien se jibqa’ l-għażla tagħhom għall-kariga ta’ Prim Ministru. Dan wara li fil-midja tqanqlu dubji dwar il-passat akkademiku tiegħu, fosthom dwar l-istudju li jsostni li għa-mel fin-New York University – xi ħaġa li l-università Amerikana qalet li ma tirriżultalhiex.
Hemm ftit ansjetà fl-Unjoni Ewropea għall-Gvern il-ġdid Taljan peress li hu ewroxettiku u kontra l-awsterità. Skont il-programm li ż-żewġ partiti approvaw il-ġimgħa li għaddiet, il-gvern il-ġdid irid iħaffef it-tkeċċija tal-immigranti illegali mill-Italja kif ukoll jagħmel qtugħ drastiku fit-taxxi, riforma fil-pensjonijiet u dħul bażiku ta’ kull xahar.
Conte l-PM il-ġdid Taljan


