Lokali Parlament Saħħa

ILLEJLA: “Vot favur ikollu implikazzjonijiet serji” – Life Network Foundation

Il-PN qed jinsisti li hu favur il-ħajja sa mill-bidu nett tagħha - Adrian Delia ta free vote

Ftit tas-sigħat biss qabel il-vot importanti tal-lejla fil-Parlament, il-Life Network Foundation bagħtet ittra lil kull deputat sabiex tfakkarhom li “min jivvota favur l-emendi li jdaħħlu s-surrogacy u l-iffriżar tal-embrijuni ikun qed iġorr responsabbilta’ kbira”.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni fakkret lill-Kamra tad-Deputati li eluf ta’ Maltin huma imħassba b’dawn l-emendi. “Bla dubju li vot favur ikollu implikazzjonijiet serji ħafna”.

Fl-ittra lid-deputati kollha sar appell sabiex il-Membri Parlamentari ma jpoġġux fil-ġenb id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf.

L-ittra lid-deputati kienet iffirmata minn Miriam Sciberra, f’isem il-Fondazzjoni.

Il-vot tal-lejla se jittieħed fi stadju ta’ Tieni Qari.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia diġa’ qal li illejla l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jingħata free vote.