L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru marbut mal-Parlament Ewropew, li qed ikun ippubblikat illum, sena qabel l-elezzjonijiet Ewropej li se jsiru f’Mejju 2019, jikkonferma l-appoġġ dejjem jikber taċ-ċittadini għall-Unjoni Ewropea. L-appoġġ f’Malta żdied bi tliet darbiet il-medja tal-UE.
Meta għad fadal sena biss għal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, illum il-President tal-PE Antonio Tajani ser juri l-istampa li qed toħroġ mir-riżultati tal-iktar stħarriġ reċenti tal-opinjoni pubblika dwar l-UE f’konferenza stampa fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru – li sar f’April 2018 fost 27,601 persuna minn 28 Stat Membru – juri li bħala medja 60% taċ-ċittadini jemmnu li s-sħubija ta’ pajjiżhom fl-UE hija ħaġa tajba filwaqt li aktar minn żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu huma konvinti li pajjiżhom ibbenefika mis-sħubija fl-UE.
Dan huwa l-ogħla punteġġ li qatt ġie mkejjel mill-1983. F’din l-opinjoni tal-maġġoranza ikkalkulata fuq l-Istati Membri kollha, hemm varjazzjoni sew fis-sens ta’ benefiċċju mis-sħubija fl-UE – mill-quċċata ta’ 93% f’Malta għal-livell l-aktar baxx ta’ 44% fl-Italja.
Kważi terz ta’ dawk li wieġbu dan l-istħarriġ diġà jafu d-data tal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, u 50% huma interessati fiha.
Mistoqsija dwar il-kwistjonijiet speċifiċi ta’ tħassib li il-maġġoranza tal-Ewropej li wieġbu jixtiequ li jkunu diskussi fil-kampanji elettorali madwar il-kontinent:
kważi nofs l-Ewropej (49%) isemmu l-ġlieda kontra t-terroriżmu bħala suġġett ta’ prijorità, segwit mill-qgħad fost iż-żgħażagħ (48%), l-immigrazzjoni (45%) u l-ekonomija u t-tkabbir (42%); madwar terz tal-Ewropej jiċċitaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent (35%) filwaqt li 32% ta’ dawk li wieġbu jiċċitaw il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija kif ukoll il-protezzjoni soċjali taċ-ċittadini tal-UE.
L-immigrazzjoni hija il-prijorità assoluta għall-Maltin.
Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ għadhom sodisfatti bil-mod kif id-demokrazija taħdem f’pajjiżhom (55%) u fl-UE (46%).
B’mod globali, l-istħarriġ jindika interess dejjem jikber u apprezzament għall-UE kif ukoll konvinzjoni dejjem ikbar minn dawk li wieġbu jista’ jkollhom vuċi fil-futur tal-UE jekk jivvotaw fl-elezzjonijiet is-sena d-dieħla.
//= $special ?>