Lokali Parlament

L-aġenzija tat-toroq għandha topera bi trasparenza

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg appellat biex l-aġenzija dwar it-toroq topera bi trasparenza kbira għaliex se tkun qed titratta miljuni kbar ta’ euros.

Fil-parlament Claudette Buttigieg staqsiet għaliex il-gvern qed jagħmel aġenzija meta l-istess gvern qed jgħid li kollox sejjer tajjeb bla aġenzija. Hi enfażizzat l-importanza tal-prinċipji tad-deċentralizzazzjoni u s-sussidarjetà u qalet li din l-aġenzija tista’ tkun qed twarrab dawn il-prinċipji. Jekk l-aġenzija ssir sew, il-pajjiż se jibbenefika minnha.

Il-kunsilliera jsostnu li fil-kunsilli lokali m’hemmx nies li għandhom il-kwalifiċi biex jissorveljaw xogħlijiet fuq toroq jew sistemi ta’ ħruġ ta’ offerti; din hi waħda mill-problemi. Kienet tkun idea aħjar kieku l-aġenzija kellha rwol ta’ appoġġ għaliex il-kunsilli lokali jafu ż-żoni tagħhom.

Hawn qbil li għandha titwaqqaf aġenzija bl-esperti iżda s’issa għad ma saret ebda konsultazzjoni. Dan minkejja li l-Ministru Ian Borg wiegħed konusltazzjoni. Dan iwassal għal dubju dwar x’qed iseħħ verament għaliex il-gvern beda bla ma sema’ lill-kunsilliera u ma wettaqx konsultazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet Triq il-Fortizza fil-Mosta u qalet li din hi triq fi stat ħażin. L-informazzjoni hi li din it-triq se ssir iżda l-gvern xorta kellu l-obbligu li jagħmilha; anki mingħajr aġenzija. Għalhekk m’hemmx gwadann billi ssir aġenzija. Il-gvern għandu jispeċifika meta se jibdew jinbnew dawn it-toroq.

Hi appellat biex isiru t-toroq fiż-żona ta’ Triq il-Milizja, Triq in-Nafra u Triq F.Attard. Iż-żona ta’ Triq Bontadini f’Birkirkara kellha bżonn ħafna xogħlijiet iżda mhux magħruf jekk dan hux se jkompli fi Triq Castagnia. Jidher li se jsir xogħol fiż-żona Ta’ Paris u fiż-żona tat-Trade Fair fin-Naxxar iżda jriud jkunu kkunsidrati l-effetti fuq iż-żoni. Hi staqsiet jekk hux qed isir pjan għas-servizzi fejn ikunu se jsiru dawn il-proġetti.

Mhux ċar x’jinkludi l-proġetti f’din somma ta’ €700 miljun għall-aġenzija, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li s-sistema tal-PPP mal-kunsilli lokali kienet titħallas fuq firxa ta’ snin iżda kienet torbot lill-kunntratturi dwar ix-xogħlijiet. Triq il-Wied f’Birkirkara hi arterja prinċipali iżda hi responsabbiltà tal-kunsill lokali u għalhekk hu importanti jkun speċifikat min se jibqa’ jġorr ir-responsabbiltà tax-xogħlijiet wara li jsiru. Il-liġi m’hix ċara f’dan is-settur.

Claudette Buttigieg pproponiet li l-presidenti tar-reġjuni jkunu parti mill-bord tal-aġenzija biex il-kunsilli ma jkunux maqtugħa mill-kunsilli. It-trasparenza għandha tkun prijorità u din il-proposta tiggarantixxi dan l-aspett.