Lokali

L-Eżekuttiv tal-PL baqa’ ma ddiskutiex l-iffriżar tal-embrijuni

Il-Kap tal-PN Adrian Delia ta’ freevote lid-deputati tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq din it-tema

Minkejja li għaddew għadd ta’ ġimgħat minn meta xegħel f’pajjiżna d-dibattitu dwar l-introduzzjoni tas-surrogacy u d-dħul tal-iffriżar tal-embrijuni – impenn ta’ Joseph Muscat mingħajr ma għandu l-ebda mandat elettorali għalih – sa issa l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista baqa’ ma tlaqqax biex jiddiskuti din il-kwistjoni taħraq.

Fid-dawl ta’ protesti fuq il-midja soċjali u anki fit-toroq fejn il-Maltin u l-Għawdxin wieġbu le għall-intenzjoni ta’ Joseph Muscat li jdaħħal is-surrogacy u li jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni, l-inqas li wieħed kien jistenna kien proprju li l-mexxej tal-Partit Laburista jlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-partit tiegħu u jħalli diskussjoni libera dwar dan is-suġġett.

Madankollu għaliex jaf li internament ukoll hemm oppożizzjoni qawwija kemm għas-surrogacy kif ukoll għad-dħul tal-iffriżar tal-embrijuni, Joseph Muscat ma tax ċans biex issir din id-diskussjoni interna.

Internament fil-Partit Laburista hemm min hu tassew urtat b’dan l-atteġġjament u qed jargumenta li mhux sew li Joseph Muscat saħansitra lanqas jafda lill-membri tal-Eżekuttiv f’diskussjoni ħielsa u libera dwar dan is-suġġett, li direttament jolqot ukoll l-aspett morali.

Il-vot dwar l-emendi għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, fi stadju ta’ Tieni Qari, se jkun qed jittieħed illejla.

L-Eżekuttiv tal-PN diġa’ iddikjara li l-PN jibqa’ favur il-ħajja sa mill-konċepiment. Il-Kap tal-PN Adrian Delia ta’ freevote lid-deputati tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq din it-tema.