Lokali

Magħqudin favur il-ħajja – l-Oppożizzjoni kollha tivvota kontra l-emendi tal-Gvern

Minkejja l-appelli li saru minn diversi oqsma tas-soċjetà, u saħansitra mixja li attirat eluf ta’ persuni, il-Gvern injora dawn it-talbiet u kompla għaddej bl-emendi għall-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Il-vot għadda b’36 vot tal-membri tal-Gvern favur u 29 vot kontra. Dan ifisser li l-membri kollha tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra. Il-membru parlamentari Jason Azzopardi kien assenti, minħabba safar għal raġuni ta’ xogħol, għalkemm saret dikjarazzjoni parlamentari li hu jaqbel mal-vot tal-Opożizzjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara l-vot, il-kap tal-oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni vvutat kontra għaliex il-membri kollha Nazzjonalisti huma favur il-ħajja, kuntrarju għall-emendi tal-gvern li ma jipproteġux il-ħajja sa mill-konċepiment.

Mistoqsi dwar il-pass li jmiss, Adrian Delia ddikjara li wara li l-Gvern nazzjonalista fl-2012 għadda l-liġi tal-IVF, issa se jara li l-koppji li jixtiequ t-tfal jiġu mgħejuna biex jagħmlu dan, inkluż billi l-mediċina kollha f’dan il-proċess tkun disponibbli u b’xejn.

Adrian Delia nnota kif il-Gvern ma kienx interessat li jkun hemm diskussjonid war dan il-vot. Mhux biss injora l-appell tal-President ta’ Malta għal proċess itwal ta’ diskussjoni, iżda saħansitra l-emendi għaddew għand l-Oppożizzjoni ħamest ijiem biss qabel il-vot.

Għall-kuntrarju, bi tħejjija għal dan il-vot, l-Oppożizzjoni ltaqgħet ma’ kull stakeholder, analizzat diversi rapporti u semgħet ukoll l-appelli li saru fl-aħħar jiem biex ħejjiet opinjoni nfurmata u aċċertat li tittieħed azzjoni ġusta.

Issa li fadal iktar qari qabel l-emendi jiddaħħlu fil-liġi, Adrian Delia wiegħed li l-Oppożizzjoni tkun il-leħen tal-koppji li jridu t-tfal għaliex id-deputati Nazzjonalisti jemmnu li għandu jkollna soċjetà li jimpurtaha.