Futbol Sport

Unai Emery jinħatar manager ta’ Arsenal

Unai Emery se jkun is-suċċessur ta' Arsène Wenger
Emery se jieħu post Arsène Wenger

Unai Emery se jkun is-suċċessur ta’ Arsène Wenger wara li laħaq ftehim ma’ Arsenal biex ikun il-manager tagħhom mill-istaġun li ġej. Emery se jingħaqad b’kuntratt ta’ sentejn mal-klabb Ingliż.

Dan ix-xahar, Emery ħalla lil Paris Saint Germain wara esperjenza ta’ sentejn u f’dan l-istaġun rebaħ it-tliet kompetizzjonijiet fil-futbol Franċiż. Qabel ma ngħaqad ma’ PSG, il-kowċ ta’ 46 sena għamel tliet staġuni ma’ Sevilla u magħhom rebaħ tliet darbiet konsekuttivi l-UEFA Europa League. Minbarra PSG u Sevilla, Unai Emery mexxa wkoll lil Almeria, Valencia u Spartak Moscow.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Arsenal Ivan Gazidis qal li Emery għandu rekord ta’ suċċess fil-karriera tiegħu, żviluppa fost l-aqwa talent żagħżugħ fl-Ewropa, u jilgħab stil ta’ futbol progressiv u eċċitanti li joqgħod mal-istil ta’ Arsenal. Gazidis sostna li l-impenn passjonat u s-sens ta’ valuri li għandu fil-pitch kif ukoll barra l-pitch, jagħmluh il-persuna ideali li jmexxi lit-tim.