Lokali Qorti

Care worker tingħata kumpens ta’ €19,000 wara li nstamtet fuq il-post tax-xogħol

Care worker impjegata ma’ kuntrattur privat fl-Isptar Mater Dei ingħatat ftit iktar minn €19,000 f’kumpens għad-danni li sofriet wara li nstamtet fuq il-post tax-xogħol.

Il-każ imur lura għal Diċembru 2012 fl-Isptar stess meta boiler inqaleb fuqha u l-mara xxarrbet minn rasha sa saqajha b’ilma jismot. B’konsegwenza ta’ dan l-inċident, il-mara sofriet ġrieħi permanenti u fetħet kawża kontra l-kuntrattur li kien iħaddimha, Support Services Ltd, u t-Tabib Prinċipali tal-Gvern.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Joseph R Micallef, semgħet kif il-boiler kien jinżamm wieqaf permezz ta’ kaxxi tal-plastik u fuq kellu għatu li ma jingħalaqx. Dakinhar tal-inċident, il-boiler kien mimli żżejjed bil-konsegwenza li l-kaxxi tal-plastik li kien qed iżżomm fuqhom ċedew.

Il-mara kellha bżonn kura u operazzjonijiet ta’ skin graft għal diversi ġimgħat. Il-Qorti semgħet li kien grazzi għall-ħila kbira tal-kirurgi li d-diżabilita’ permanenti kienet limitata għal 6% meta setgħet kienet ta’ 13%. Il-mara ingħatat il-paga sħiħa fiż-żmien li kienet qed tingħata l-kura. Min-naħa tagħhom, l-employer u t-Tabib Prinċipali tal-Gvern qalu li r-responsabbilta’ ta’ dak li ġara hija tal-ieħor.

Iżda l-Qorti qalet li kemm l-employer, kif ukoll it-tmexxija tal-Isptar għandhom iġorru r-responsabbilta’ tal-inċident u ordnathom iħallsuha kumpens ta’ €19,106 bejniethom.

L-Avukat Maxilene Ellul dehret għall-vittma filwaqt li l-Avukati  Josette Sultana u Ian Spiteri Bailey dehru għas-CGMO u l-employer rispettivament.