Ewropa Lokali Qtil Politiku Unjoni Ewropea

Daphne għexet tiddefendi l-valuri tal-identità Ewropea – il-President tal-PE Tajani

Ilbieraħ filgħaxija, waqt iċ-ċerimonja tal-European Leadership Awards organizzata mill-Euronews u u l-European Business Summit fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani ppreżenta unur lil ulied il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għall-ħidma tagħha fil-ġurnaliżmu investigattiv.

Fid-diskors tiegħu qabel preżenta dan l-unur prestiġjuż lill-ġurnalista maqtula, Antonio Tajani qal li Daphne Caruana Galizia għexet ħajjitha tiġġieled biex tiddefendi l-valuri tal-libertà tal-espressjoni, d-demokrazija u s-saltna tad-dritt, li huma l-valuri fil-qofol tal-identità Ewropea. Hu saħaq li l-Parlament Ewropew se jkompli jinsisti li ssir ġustizzja fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, mhux biss ma’ dawk li wettqu l-bomba, iżda dawk li instigawha u dawk kollha kompliċi. “Dan se nagħmluh f’isem l-eluf tal-qarreja ta’ Daphne li sellmulha fir-Rotunda tal-Mosta, kif ukoll f’isem il-500 miljun ċittadin Ewropew,” qal Tajani.

Filwaqt li tkellem dwar l-importanza tal-libertà tal-media fl-Unjoni Ewropea, l-President tal-Parlament Ewropew irrefera b’mod partikolari għal Malta: “Irridu nninvestigaw ir-rispett lejn is-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Kumitat tal-Ġustizzja u l-Intern fil-Parlament Ewropew qed jiproponi li jinħoloq grupp permanenti dwar din it-tema, b’attenzjoni partikolari dwar Malta.”

Fid-diskors tiegħu, Antonio Tajani faħħar il-ħidma ta’ Daphne Caruana Galizia, u qal li kienet mara b’saħħitha u ġurnalista tajba. “Kienet tirrapreżenta l-qofol tal-professjoni, għaliex f’karriera ta’ 30 sena, hi tefgħet id-dawl fejn kien hemm id-dlam, ma beżgħet minn ebda pressjoni.

Andrew Caruana Galizia, iben Daphne, qal li l-qtil ta’ ommu u l-mod kif inqatlet ma jirrapreżentawx il-libertà tal-espressjoni fl-Ewropa, u sintomu tal-falliment tal-istituzzjonijiet f’Malta. “Seba’ xhur mill-qtil ta’ ommna, għadu ma nbidel xejn,” qal Andrew Caruana Galizia.

Hu rrefera b’mod partikolari għall-Gvern Malti u fakkar kif il-Ministru Michael Farrugia ddeskriva dan il-qtil bħala ‘xorti ħażina’, kif il-Ministru Edward Scicluna ddeskriva r-rabja globali dwar dan il-qtil bħala ‘esaġerata’, u kif il-Prim Ministru Joseph Muscat, xahrejn wara l-qtil, qal li wasal iż-żmien biex nimxu ‘l quddiem.