Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħassar is-summit storiku tat-12 ta’ Ġunju li kellu jsir mal-Korea ta’ Fuq komunista, fejn sostna li ż-żmien għal dan mhuwiex opportun.
L-iżvilupp sinifikanti jikkonferma l-indikazzjonijiet tal-jiem preċedenti li ma kellhiex issir il-laqgħa pjanata f’Singapore, wara daqstant aspettativa.
Intant, Donald Trump, permezz ta’ ittra pubblikata mill-White House, qal li ‘qed jistenna bil-ħerqa għal meta, xi darba, ikun jista’ jiltaqa’ ma’ Kim Jong-un’.
Il-President Amerikan spjega li hu ħa din id-deċiżjoni ‘fid-dawl tar-rabja u ostilità kbira’ riflessa fi stqarrija riċenti minn Pyongyang.
Qabel ħarġet din l-aħbar kien hemm indikazzjonijiet li l-Korea ta’ Fuq qerdet talanqas tliet mini, flimkien ma’ bini għall-osservazzjoni, funderija tal-metall u kwartieri oħrajn fis-sit ewlieni ta’ Punggye-ri fejn kienu jsiru l-provi nukleari.
Il-proċess kien segwit mill-ġurnalisti internazzjonali, bil-qerda tal-mini titqies bħala ‘pass importanti’ lejn it-tnaqqis tat-tensjoni bejn ir-reġim ta’ Pyongyang u l-ġirien tal-Korea komunista.
Il-ġurnalisti barranin kienu mistiedna biex isegwu ‘il-qerda tas-sit’, u fejn huma qattgħu s-sigħat fuq l-observation decks, xi 500 metru ‘il bogħod mill-inħawi tal-isplużjonijiet, qabel telqu lura bil-ferrovija lejn il-belt ta’ Wonsan.
Filwaqt li l-ġurnalisti qalu li raw ‘l-isplużjonijiet kbar fis-sit ta’ Punggye-ri’, kelliema għar-reġim tal-Korea ta’ Fuq qalu, aktar tard, li s-sit ‘kien inqered għal kollox’. Madankollu, ix-xjenzati barranin jemmnu li parti mis-sit, inklużi mini, kienu krollaw ‘minn qabel’ u wara l-aħħar testijiet nukleari tal-Korea ta’ Fuq li saru f’Settembru li għadda.
//= $special ?>