Gvernijiet ta’ Stati Membri tal-UE qed jikkonsidraw regolamenti ġodda sabiex ikun miġġieled il-ħasil tal-flus b’mod iktar effettiv wara li nqalgħu żewġ każi ta’ allegati ta’ ħasil ta’ flus minn banek fl-UE; il-Bank ABLV fil-Latvja u l-Bank Pilatus f’Malta.
Waqt laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE, ġie rrimarkat ukoll il-fatt li ż-żewġ każi inkixfu mill-awtoritajiet Amerikani kien wieħed imbarazzanti għall-qafas regolatorju Ewropew.
Il-Ministri tal-Finanzi mistennija jkomplu jiddiskutu l-possibilta’ ta’ regolamenti iktar stretti fejn jidħlu superviżjoni tal-banek iktar tard din il-ġimgħa.
Uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea qalu li l-banek għandhom liberta’ sħiħa biex imexxu kapital minn pajjiż għall-ieħor iżda l-qafas regolatorju għal kontra l-ħasil tal-flus hu ta’ kompetenza nazzjonali.
Minħabba l-każ ta’ Pilatus u l-każ l-ieħor li seħħ fil-Latvja, qed jiżdiedu l-vuċijiet sabiex jitkabbru l-poteri tal-Unjoni Ewropea fil-qasam finanzjarju. Uħud qed jissuġġerixxu t-twaqqif ta’ aġenzija ġdida filwaqt li oħrajn huma favur li jingħataw iktar poteri lil isitituzzjonijiet eżistenti fosthom l-Awtorita’ Bankarja Ewropea.
//= $special ?>