Il-flus li ntużaw biex twaqqaf il-Bank Pilatus f’Malta ġew minn attivita’ kriminali fil-Venezuela li dwarha, iċ-Chairman tal-Bank jinsab arrestat fl-Istati Uniti.
Dan ħareġ l-Erbgħa waqt smiegħ f’Qorti fl-Istati Uniti sabiex tiddiskuti t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Ali Sadr Hasheminejad. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-flus u l-ishma li għandu Hasheminejad fil-Bank Pilatus huma mitlufa għaliex huma qliegħ minn attivita’ kriminali mal-proġett fil-Venezuela. Il-Prosekuzzjoni kompliet li Ali Sadr uża madwar miljun Franc Żvizzeru u 8 miljun ewro biex iwaqqaf u jagħti bażi kapitali għall-Bank Pilatus fl-2013.
Kuntrarju għal dak li kien qed jingħad mill-esponenti tal-Gvern u tal-Partit Laburista, fil-Qorti Amerikana issa ġie żvelat li hemm rabta diretta bejn l-attivita’ kriminali fil-Venezuela u t-twaqqif u l-operat tal-Bank Pilatus f’Malta.
Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat f’Washington fid-19 ta’ Marzu li għadda, akkużat illi evada s-sanzjonijiet ekonomiċi fuq l-Iran meta għadda 115-il miljun dollaru lill-Iran mill-qliegħ minn proġett fil-Venezuela. Jekk jinstab ħati, hu jista’ jingħata sentenza ta’ 125 sena ħabs.
Il-Bank Pilatus jinsab fiċ-ċentru ta’ akkużi ta’ ħasil ta’ flus li jinkludu liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi, ta’ diversi persuni qrib il-Gvern jew involuti f’diversi proġetti tal-Gvern u minn uffiċjali għolja fir-reġim tal-Ażerbaijan.
Sadanittant fi stqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li l-MFSA għandha tippubblika immedjatament l’hekk imsejjaħ rapport internazzjonali li kienet ikkummissjonat dwar il-Bank Pilatus.
David Casa qal li mhux biss għandna provi ċari li l-Bank Pilatus kien involut f’attivita’ kriminali iżda issa ġie żvelat ukoll li l-flus mill-kriminalita’ ntużaw biex jitwaqqaf l-istess Bank Pilatus.
Hu kien qed jirreferi għall-informazzjoni li kienet ingħatat lill-MEPs mill-MFSA li waqt il-proċess ta’ due diligence, l-Awtorita’ kienet qabbdet kumpanija barranija indipendenti biex tagħmel rapport dwar il-Bank Pilatus. L-MFSA ma’ rieditx tikxef l-identita’ ta’ min għamel ir-rapport u ma’ rieditx tagħti iktar dettalji dwar il-kontenut tiegħu.
David Casa qal li l-MFSA messha ipproteġiet is-settur finanzjarju ta’ Malta iżda minflok, ħalliet il-bankier ta’ Keith Schembri biex jiftaħ bank u jwettaq attivita kriminali f’Malta. Jekk dan ir-rapport li l-MFSA qed tgħid li għamlet jeżisti, għandha tippubblikah b’mod immedjat.
Dan jista’ jwassal biex forsi tittaffa l-ħsara kbira u jiġi stabbilit jekk dan kienx każ ta’ traskuraġni kbira jew kompliċita’, itemm David Casa.
//= $special ?>