Lokali

Il-Gift of Life tappella għall-intervent tal-President ta’ Malta

Qed inħarsu lejk bħala l-aħħar tama f’dawn il-jiem skuri ħafna. Int għandek tkun il-vuċi ta’ dawk li ma jinstemgħux.

Hekk qed jappella Paul Vincenti, il-President tal-Fondazzjoni Gift of Life, fi stqarrija b’appell lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca l-għada tal-vot fil-Parlament favur l-emendi fil-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Paul Vincenti qal li bil-vot fil-Parlament, ħafna baqgħu ċċassati u b’nuqqas ta’ tama. Flimkien ma’ għaqdiet bħall-Gift of Life, il-Maltin u l-Għawdxin issa qed iħarsu lejn il-President ta’ Malta biex tkun il-vuċi ta’ dawk fraġli u li ma għandhom lil ħadd biex jiddefendihom.

Paul Vincenti qal li jifhem li l-pożizzjoni tal-President mhix faċli f’sitwazzjoni bħal din, anzi waħda kritika. Madankollu, hi għandha tkun il-vuċi ta’ dawk li se jkunu parti mis-soċjetà Maltija ta’ għada.

Għaldaqstant, il-President tal-Gift of Life qed jappella wkoll lil dawk li jemmnu u lil dawk qrib il-President biex jitolbu għaliha u jagħtuha l-appoġġ f’dan il-mument diffiċli.