Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista se jnaqqas il-poteri tal-kunsilli lokali fit-toroq

– Frederick Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi qal li l-gvern se jnaqqas il-poteri tal-kunsilli lokali billi l-poter fl-aġenzija tat-toroq se jkun kollu tal-Gvern.

Fil-parlament Frederick Azzopardi qal li jekk l-aġenzija titħaddem kif suppost, l-aġenzija tista’ tkun opportunità li jissolvew il-problemi infrastrutturali. Il-PN ma jaqbilx li jitnaqqsu l-poteri tal-kunsilli lokali. Il-PN dejjem emmen fis-sussidjarjetà u għandu jkun il-gvern li jsaħħaħ il-kunsilli lokali u mhux jagħmillhom ostakoli.

Għall-PN, il-kunsilli lokali għandhom iservu liċ-ċittadin waqt li għall-PL, il-kunsilli għandhom iservu lilu. Il-PN għandu prinċipju favur il-kunsilli lokali; prinċipji li għandhom jissaħħu. Ma jirriżultax li f’Għawdex saru xi laqgħat mal-kunsilli lokali jew li l-kunsilli intalbu listi ta’ toroq biex isiru.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar proġetti infrastrutturali li saru f’Għawdex minn Gvern Nazzjonalista flimkien ma’ proġetti ambjentali fosthom dawk marbuta mal-iskart. Dan kollu sar bla ma kien hemm bżonn titwaqqaf aġenzija.

Fredrick Azzopardi qal li l-ħaddiema ta’ Transport Malta għandu jkollhom rwol fl-aġenzija u spjega l-pjan ta’ gvern Nazzjonalista biex iżid in-netwrok ta’ toroq f’Malta. Jeħtieġ isir investiment f’sistema alternattiva ta’ trasport biex tissolva l-problema tat-traffiku. F’Għawdex mhix issir manutenzjoni tat-toroq, sostna Fredrick Azzopardi.