Lokali

IL-MISTERU TAL-BOMBA: Tpoġġiet mar-razzett jew inħadmet hemm?

Jidher li l-Pulizija qed tfittex persuna li "ħarab" mill-post wara l-isplużjoni

Il-każ tal-isplużjoni tal-bieraħ kompla jikkomplika ruħu hekk kif matul il-lejl l-investigaturi issoktaw bil-ħidma tagħhom sabiex jistabbilixu l-mottiv wara din il-bomba li heżżet l-inħawi tal-Għargħur ilbieraħ.

Il-Pulizija jidher li għadhom iridu jikkonfermaw b’ċertezza jekk din il-bomba tpoġġietx mar-razzett jew jekk effettivament kienet qed tinħadem fl-istess razzett.

L-ewwel indikazzjonijiet kienu urew li l-isplużjoni seħħet eżatt kif Kevin Ellul, il-propjetarju tar-razzett, kien qed jiftaħ il-bieb għall-ħabta tat-3:05pm. Ellul spiċċa rikoverat l-isptar kaġun tal-feriti li ġarrab. Il-Pulizija diġa’ kellmu lil dan ir-raġel, bl-istħarriġ mistenni jissokta dalgħodu.

F’dan l-istadju, l-investigaturi mhu jeskludu xejn – inkluż it-teżi illi possibilment il-bomba kienet qed tinħadem fuq ġewwa tar-razzett, illi biswitu għandu triq residenzjali.

Il-ġurnal l-Orizzont fil-faċċata kwota sorsi fil-Korp illi mhux jeskludu li l-bomba “setgħet kienet qed tinħadem mill-vittma stess”.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli qed tmexxi l-inkjesta dwar dan il-każ.