Lokali Qorti

Jammetti li poġġa telefon ċellulari biex jiġbed filmat ta’ studenta tinħasel

Ritratt: Shutterstock
Fil-Qorti, l-akkużat skuża ruħu għal għemilu

Raġel ta’ 26 sena li jinsab Malta biex jistudja l-Ingliż, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li kien ġibed filmat ta’ tfajla waqt li kienet  qed tinħasel permezz ta’ telefon ċellulari.

Mikdat Terzi, imwieled fit-Turkija, kif ukoll il-vittma, kienu residenti f’San Ġiljan. Il-vittma kienet sabet it-telefon ċellulari jirrekordja waqt li kienet fil-kamra tal-banju u informat lill-pulizija. Il-filmat kien juri wkoll ir-raġel jibda r-recording u jaħbi t-telefon.

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Terzi ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li pproduċa materjal pornografiku, fastidju u użu ħażin ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Avukat Alfred Abela sabiex isem il-vittma ma jixxandarx u sabiex jinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tagħha.

L-akkużat skuża ruħu għal għemilu. Il-Qorti, ikkundannatu għal sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin u mmultatu €200. Il-Qorti ordnat ukoll li t-telefon ċellulari jinqered. L-Ispettur Nikolai Sant mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li Terzi kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna legali Joseph Ellis.