Lokali

“Malta għandha ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni” – Rapport tal-Kummissjoni Ewropea

In-nies iridu li jkollhom serħan tal-moħħ li l-istituzzjonijiet fil-pajjiż huma verament indipendenti u li l-Gvern jiġġieled verament il-korruzzjoni. Dan biex ma ssirx ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta wara li n-nies bi bżulija stinkaw biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkun waħda tajba.

Fi stqarrija iffirmata mill-kelliem dwar il-Governanza Tajba Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista qal li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma kemm il-korruzzjoni qed tagħmel ħsara kbira. Fir-rapport magħruf bħala European Semester, il-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li “Malta għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha sabiex tiġġieled il-korruzzjoni, speċjalment fejn għandu x’jaqsam l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni”.

Simon Busuttil qal li l-kliem tal-Kummissjoni juru biċ-ċar li Joseph Muscat qed jonqos milli jieħu azzjoni fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri. Dan wara li fil-ġranet li għaddew il-Qorti għat-tieni darba kkonkludiet li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati.

Il-Partit Nazzjonalista qal li din in-nuqqas ta’ ħeġġa ta’ Joseph Muscat li jieħu azzjoni qed tikkawża ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ Malta. Il-Kummissjoni Ewropea wissiet li din in-nuqqas ta’ azzjoni tista’ taffettwa wkoll l-investiment f’pajjiżna u allura x-xogħol tan-nies.  L-istqarrija ttemm bil-Partit Nazzjonalista jistieden lil Joseph Muscat biex jieqaf jiddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri u jieħu azzjoni biex jeqred il-korruzzjoni biex ma ssirx aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.