Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza issa għandhom Music Room speċjalizzata fejn ikollhom sessjonijiet tal-mużika b’mod individwali kif ukoll fi gruppi, liema sessjonijiet huma ta’ benefiċċju kbir għalihom.
Il-Music Room setgħet issir bil-għajnuna finanzjarja tar-Rotary Club La Valette, ir-Rotary Club Malta u r-Rotary International District 2110 li sponsorjaw il-proġett kif ukoll tal-Alf Mizzi Foundation li sponsorjat il-lift li jwassal għall-Music Room.
Qabel l-inawgurazzjoni tkellmu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li fid-diskors ta’ merħba sab ħin jirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom biex jitwettaq dan il-proġett; Margaret Vella, il-Fiżjoterapista Ewlenija tad-Dar li tkellmet dwar l-għan tal-Music Room; il-Perit, Prof. Vincent Buhagiar, koordinatur tal-proġett, li ta ħjiel tax-xogħol li kellu jsir biex tlestiet il-kamra u Albert Petrococchino, mill-Alf Mizzi Foundation li ġentilment sponsorjat il-lift flimkien ma’ Jane Mizzi, Trustee tal-Fondazzjoni, li ippreżentat iċ-ċekk tal-isponsorship lil Fr Martin.
Minn naħa tar-Rotary tkellmu Bryan Sullivan tar-Rotary Club La Valette u John de Giorgio, Gvernatur tar-Rotary International f’Malta u fi Sqallija. Huma semmew l-impenn tar-Rotariani biex jgħinu sezzjonijiet tal-komunità li jagħmlu parti minnha.
Mons Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija għamel diskors tal-għeluq fejn irrepeta dak li qal Papa Franġisku li kull persuna fosthom il-persuni b’diżabilità huma persuni uniċi u irrepetibbli. Huwa qal li hija grazzja kbira li biex iseħħu proġetti bħal dan tal-Music Room, li jtejjbu il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, hemm ukoll struttura ta’ impjegati u volontiera biex jaraw li x-xogħol isir u s-servizz jingħata.
Il-Music Room ġiet inawgurata minn John de Giorgio u mbierka minn Mons Cordina.
Ma naqasx li r-residenti juru l-abbiltajiet tagħhom bl-għajnuna tal-Ability Promoters tad-Dar u kantaw tliet siltiet mużikali.
//= $special ?>