Huwa rekord l-ammont ta’ oġġezzjonijiet li daħlu għand l-Awtorita’ tal-Ippjanar dwar il-proġett ta’ żvilupp fis-sit li kien okkupat mill-ITS f’Pembroke – l-akbar numru ta’ oġġezzjonijiet li qatt iddaħħlu fis-sistema tal-Awtorita’.
Fost dawn l-oġġezzjonijiet kien hemm dik tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li hu deputat elett mill-10 Distrett.
Fl-ittra ta’ oġġezzjoni li inbgħatet lill-Awtorita’, Karol Aquilina jgħid illi dan il-proġett jinjora għal kollox l-effetti negattivi li se jħalli fuq il-madwar u fuq il-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti.
Anke l-Kunsill Laburista ta’ Pembroke qed joġġezzjona għal dan il-proġett, filwaqt li ftit tal-jiem ilu saret ukoll protesta minn numru ta’ residenti.
Il-proġett propost jinkludi torri residenzjali ta’ 37 sular, lukanda ta’ 17-il sular, kumpless tax-xiri, u anke casino.
F’kummenti lil Net News, Karol Aquilina qal illi fl-aħħar jiem daħlu żgur aktar minn 3,875 oġġezzjoni għal dan il-proġett. “Mill-esperjenza tiegħi, dan żgur hu rekord ta’ oġġezzjonijiet fuq proġett individwali. Tant li anke is-sistema online tal-Awtorita’ ma felħitx dan l-ammont”, sostna d-deputat Nazzjonalista.
L-Awtorita’ tal-Ippjanar se tibqa’ tilqa l-oġġezzjonijiet sa għada (il-Ġimgħa).
Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu pożizzjoni ċara dwar dan il-proġett, u jemmen li l-applikazzjoni m’għadiex tiġi diskussa quddiem l-Awtorita’ tal-Ippjanar qabel tintemm l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, li kienet mitluba mill-PN.
//= $special ?>