Il-files huma dwar id-drittijiet tal-ħaddiema biex jiċċaqilqu minn post għall-ieħor, kif ukoll is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
“Permezz ta’ dawn iż-żewġ karigi, se nkompli niddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari meta dawn jiġu biex ibiddlu l-impjieg tagħhom, kif ukoll is-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan meta kien intervistat minn ġurnalisti Maltin fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Waqt l-intervista, Zammit Dimech spjega kif il-Grupp tal-PPE għadu kif tah kariga biex ikun ir-rapporteur tal-Grupp ta’ żewġ rapporti. L-ewwel rapport hu dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma’ karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Ir-rapport qed janalizza kif id-direttiva eżistenti tista’ tissaħħaħ. It-tieni rapport hu dwar it-twaqqif tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Dan ir-rapport se jkun responsabbli biex jassigura li r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-mobiltà fuq il-post tax-xogħol jkunu nfurzati, ġusti u sempliċi. L-awtorità se tkun ukoll qed tiffaċċilità l-aċċess għal individwi u min iħaddem għal informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
Fi ħdan il-Kumitat tal-Affarijiet Legali, l-MEP Francis Zammit Dimech qiegħed ukoll jaħdem fuq fajl dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Ir-rapport jitratta l-perjodu ta’ probation, impjieg parallel, il-ħinijiet tax-xogħol u t-taħriġ. Zammit Dimech qal li hu se jkun qed jiltaqa’ mal-istakeholders biex jisma’ l-veduti tagħhom, u jservi bħala l-vuċi tagħhom fil-Parlament Ewropew. Il-laqgħa se ssir fit-18 ta’ Ġunju fil-11:30am fl-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq 27112002 jew jibgħat email fuq francis.zammitdimech-office@europarl.europa.eu.
//= $special ?>