Lokali

Attentat ta’ serqa mill-ħanut ta’ mart Simon Schembri

Analizzati filmati tas-CCTV

Fis-sigħat li għaddew il-familja tal-kuntistabbli Simon schembri għaddiet minn mument ieħor diffiċli. Dan hekk kif kien hemm attentat ta’ serq mill-ħanut li mart Schembri, Moira, għandha f’Raħal Ġdid – ħanut popolari immens mas-sewwieqa tal-muturi.

L-aħbar ħarġet mis-sit ta’ TVM.

Il-Pulizija qed tinvestiga dak li jidher li kien attentat ta’ serq mill-ħanut ‘Bikers Zone’ li jinsab ħdejn ir-roundabout ta’ Kordin, qabel in-niżla ta’ Għajn Dwieli. Dan wara li persuna jew persuni mhux magħrufa, matul il-lejl li għadda ppruvaw jisgassaw il-bieb tal-ħanut.

Kien għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħodu meta t-tifel iż-żgħir tal-koppja Schembri, Liam, mar jiftaħ il-ħanut u ntebaħ bl-isgass mal-bieb tal-ħanut.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar esperti sabiex jgħinuh fl-inkjesta. Il-Pulizija tal-forensika elevat il-marki tas-swaba’ għal aktar investigazzjonijiet filwaqt li qed teżamina filmati mill-kameras tas-sigurtà.