Lokali

Daħal fl-għassa ta’ Bormla u beda jheddidhom li se joqtolhom kollha

Il-ġuvni tressaq il-Qorti u nżamm arrestat

Għadd ta’ Pulizija ġew attakkati minn ġuvni f’każ ikrah li seħħ ilbieraħ filgħaxija fl-għassa ta’ Bormla.

Net News hu nfurmat li ż-żagħżugħ għandu diversi każijiet pendenti, u attakka lill-membri tal-Korp drabi oħra.

Jidher li lbieraħ il-ġuvni kien qed isuq mingħajr seatbelt u b’veloċità ġewwa l-Birgu meta twaqqaf minn żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta. Il-ġuvni offendihom u ħarab.

Wara li ġara hekk, l-uffiċjali għamlu rapport fl-għassa ta’ Bormla, u l-Pulizija bagħtu għalih minnufih.

Kien hawn li ż-żagħżugħ ħebb għal diversi uffiċjali tal-Pulizija li kienu fl-għassa fejn saħansitra besqilhom u beda jheddidhom li joqtolom kollha. Hu ġie arrestat bl-għajnuna ta’ membri mis-sezzjoni tal-RIU, wara li niżel missieru l-għassa u nqalgħet komossjoni sħiħa.

Il-ġuvni tressaq b’arrest il-Qorti dalgħodu stess u nżamm arrestat.