Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jikteb lid-Dubaj biex tinvestiga 17 Black

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa kiteb ittra b’saħħitha lill-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus tal-Emirati Għarab Magħquda, fejn insista li għandha tinvestiga l-attivitajiet marbutin mal-kumpanija rreġistrata fid-Dubaj 17 Black. Fl-ittra tiegħu, Casa nsista li s-sid ta’ 17 Black kien involut f’attività kriminali.

Emails li ġew ippubblikati fl-aħħar ġimgħat parti mill-proġett Daphne Project, juru kif kull xahar, kienu se jiġu trasferiti €150,000 minn 17 Black u kumpanija oħra fid-Dubaj Macbridge, lejn il-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

David Casa qal li r-rabta bejn is-sid ta’ 17 Black ma’ Schembri u Mizzi tikxef parti oħra tal-attività kriminali. Hu ddeskriva lil Schembri u lil Mizzi bħala l-imħuħ wara proġetti li swew lill-poplu Malti u Għawdxi miljuni ta’ ewro.

Skont email mibgħuta minn Karl Cini ta’ Nexia BT, il-kumpaniji fil-Panama kienu se jirċievu $2 miljun fis-sena.

Skont rapport tal-FIAU, fl-2015, ġew trasferiti $1.6 miljun fil-kumpanija 17 Black. L-istess rapport kixef rabta bejn il-kumpanija tad-Dubaj u d-deals tal-enerġija li saru minn Konrad Mizzi meta kien għadu Ministru tal-Enerġija.