Il-gvern li biegħ l-isptarijiet Maltin għal ewro wieħed biss lill-privat issa qed jixxaħħaħ mal-iktar nies vulnerabbli fis-soċjetà, il-morda fl-Isptar Mater Dei.
Dan hekk kif il-professjonisti mediċi fl-Isptar Mater Dei ġew avżati li mhux se jibqgħu jingħataw iktar zokkor li kien jingħata lill-pazjenti mal-kafe jew it-te.
L-istess pazjenti, li kull filgħodu kienu jingħataw ukoll iċ-ċereali, issa se jiġu mċaħħda minn dan ukoll, b’Net News li hu nfurmat li wara dawn imiss il-ħrieqi li kienu jingħataw b’xejn u li l-pazjenti u qrabathom dalwaqt se jibdew jingħataw iġibuhom huma stess.
Dawn id-deċiżjonijiet kienu mgħarrfa lill-professjonisti mediċi fl-aħħar jiem, fejn intalbu jaraw x’fadlilhom u ġew avżati li l-istock attwali ta’ zokkor u ċereali hu l-aħħar li se jingħataw.
Din l-aħbar intlaqgħet b’dispjaċir minn diversi nies li nnutaw kif il-pazjenti se jiċċaħħdu anke minn ftit zokkor ma’ kikkra te jew kafe.
Sitwazzjoni li se tolqot b’mod speċjali lil pazjenti li jkunu ġew trasferiti mill-Emerġenza, u allura ma kellhom l-opportunità li jaħsbu minn qabel u jieħdu z-zokkor jew ċereali magħhom, imma wkoll persuni li sfortunatament huma abbandunati u ħadd ma jmur iżurhom.
Dan l-istazzjoni bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tas-Saħħa fejn tlabna konferma tad-deċiżjoni li z-zokkor, ċereali kif ukoll il-ħrieqi ma jibqgħux jiġu offruti lill-pazjenti.
S’issa, għadna mingħajr tweġiba.
Sadattant Net News irċieva wkoll ilmenti minn infermiera li spjegawlna kif spiss qed jispiċċaw mingħajr diversi oġġetti fosthom toilet paper, tissues u saħansitra mediċina minħabba li mhux isir proċess tajjeb tas-sistemà msejħa top up, fejn dak li jkun nieqes jiġi fornut mill-ġdid.
Persuna li tkellmet magħna spjegatilna kif, meta jitolbu l-affarijiet, dawn ma jingħatawx kemm jitolbu għaliex min ifornihom mhux ikollu biżżejjed. Kompliet li mnalla uħud min-nursing officers jaħsbu minn qabel u jaħżnu.
//= $special ?>