Talanqas 15 il-persuna ndarbu fi spluzjoni ta’ bomba ġo ristorant f’Mississauga, viċin ta’ Toronto, fil-provinċja ta’ Ontario. L-aħħar rapporti qalu li l-pulizija kienet qed tfittex għal żewġ suspettati li ħarbu mill-post immedjatament wara l-isplużjoni.
Il-bomba li ntużat ma kenitx ta’ xi tip sofistikat, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li s-suspettati kienu daħlu bl-isplussiv fir-ristorant Indjan bl-isem ‘Bombay Bhel’ u fejn ma damux biex jattivawh. Kelliema għas-servizzi tal-ambulanza li wieġbu għall-emerġenza, sigħat wara qalu li talanqas tlieta mill-midruba fl-ispluzjoni kienu f’sitwazzjoni kritika.
Il-pulizija, fl-aħħar sigħat, iċċirkulaw ritratti taż-żewġ suspettati li ttieħdu mis-CCTV filwaqt li talbu l-għajnuna tal-pubbliku biex dawn ikunu identifikati.
Mhux magħruf l-iskop wara l-attakk, bl-uffiċjali tal-pulizija jtennu li ‘mhumiex f’pożizzjoni li jirreferu għall-isplużjoni bħala azzjoni ta’ mibgħeda jew att terroristiku’.
//= $special ?>


