Il-Korea ta’ Fuq qalet li għadha lesta biex titkellem ‘fi kwalunkwe ħin u taħt kwalunkwe forma’ mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wara li dan ħassar is-summit storiku li kellu jsir mal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, fit-12 ta’ Ġunju.
Il-Viċi-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq, Kim Kye-gwan, qal li ‘wieħed għandu għalfejn jiddispjaċih’ bid-deċiżjoni ta’ Trump, li min-naħa tiegħu qal li ddeċieda biex iħassar is-summit ‘b’kaġun tal-ostilità mingħajr riservi’ min-naħa tar-reġim fi Pyongyang.
Is-summit, li kien ipprogrammat li jsir f’Singapore, kellu jkun l-ewwel wieħed fl-istorja bejn President Amerikan fil-kariga u Mexxej tal-Korea komunista. Għalkemm ma kenitx ċara l-aġenda għat-taħditiet potenzjali, kien mistenni li Trump u Kim jiddiskutu t-tnaqqis tat-tensjoni u d-denuklearizzazzjoni fil-Peniżola Koreana.
Trump ikkonferma l-intenzjoni biex iħassar is-summit f’ittra personali lil Kim Jong-un, bl-aħbar tiġri madwar id-dinja ftit wara li l-Korea ta’ Fuq kienet qalet li ‘żammet mal-wiegħda biex teqred il-mini fl-uniku sit tagħha għall-provi nukleari’.
Fl-ittra tiegħu, Trump irrefera għal ‘opportunità mitlufa’ waqt li esprima x-xewqa ‘li l-laqgħa bejnu u Kim, xi darba, issir realtà’. Iżda l-President Amerikan irrefera wkoll ‘għar-rabja u ostilità kbira riflessi fl-aħħar stqarrijiet ta’ Pyongyang’ u wissa li ‘filwaqt li l-Korea ta’ Fuq qed titkellem dwar il-kapaċitajiet nukleari, is-saħħa (nukleari) tal-Istati Uniti tant hi kbira li hu (Trump) qed jitlob li din ma tintuża qatt’.
Madankollu, rapporti li ħarġu ftit tal-ħin ilu qalu li Trump, issa, qed jindika li s-summit ma’ Kim jista’ isir xorta waħda u fejn ma eskludiex ‘it-12 ta’ Ġunju’ bħala data. Trump sostna li t-taħditiet bejn pajjiżu u Pyongyang xorta għadhom għaddejjin ‘u li n-naħat kollha jridu li jwittu t-triq għal-laqgħa bejn il-mexxejja’.
//= $special ?>


