Internazzjonali

Il-produttur ta’ Hollywood Harvey Weinstein akkużat bi stupru

Harvey Weinstein

 

Il-produttur tal-films Harvey Weinstein – sa ftit ilu fost l-aktar persuni b’influwenza f’Hollywood – ippreżenta ruħu lill-pulizija fi New York fejn tressqulu akkużi dwar stupru u reati oħra ta’ abbuż sesswali li kienu jinvolvu żewġ nisa.

Hu ingħata l-libertà fuq pledge personali u meta qed ikun kostrett li jilbes tagħmir li jindika l-lokalità u l-movimenti tiegħu.

Għexieren ta’ nisa, inklużi attriċi prominenti fil-qasam taċ-ċinema, ħarġu b’allegazzjonijiet ta’ stupru u aggrediment sesswali fil-konfront ta’ Weinstein li għandu 66 sena. Hu, intant, dejjem insista li kellu dejjem relazzjonijiet sesswali man-nisa inkwistjoni ‘bil-kunsens tagħhom’, b’dawn l-akkużi jkunu l-ewwel fil-konfront tiegħu.

L-allegazzjonijiet dwar il-produttur tal-films kienu xprunaw il-moviment #MeToo li qed jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tan-nisa f’numru ta’ industriji li qegħdin jispiċċaw vittmi ta’ abbuż u persekuzzjoni għal skop sesswali.

L-attriċi magħrufin Kate Beckinsale, Lysette Anthony u Gwyneth Paltrow huma fost il-personalitajiet ta’ Hollywood li tkellmu pubblikament dwar l-aġir ta’ Weinstein – bl-akkużi kontra l-produttur ikunu relatati għall-investigazzjoni ta’ grand jury f’Manhattan.

Il-prosekuturi f’Los Angeles u l-Pulizija f’Londra ( fir-Renju Unit) ukoll qed jirrevedu diversi każi li jinvolvu akkuzi simili kontra Harvey Weinstein.