Lokali

Illejla jsir l-ispettaklu Dancing Colours in the Sky fil-Marsa

Hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija l-Marsin jiċċelebraw it-tielet jum tat-Tridu, għal din is-sena l-Kummissjoni Trinitarji fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa ħejjiet spettaklu oriġinali.

Wara li l-Banda Trinità Qaddisa tagħmel il-marc brijuż tagħha fit-toroq tal-Marsa, minn fuq il-bejt tal-każin jibda spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika, bl-isem ta’ ‘Dancing Colours in the Sky’, organizzat mill-Kummissjoni Trinitarji.

L-ispettaklu ta’ din is-sena se jintroduċi elementi ġodda għall-Marsa, bin-nar minn fuq żewġ livelli tal-bejt, imma wkoll  ma’ arblu armat apposta, kif jispjega ċ-chairman tal-Kummissjoni, Paul Camilleri.

Dan l-ispettaklu mill-każin ilu jsir għall-aħħar seba’ snin u t-tħejjijiet għaddejjin ġmielhom anke għall-marċ tal-Ħadd b’diversi voluntiera li sal-aħħar ħinijiet kienu għaddejjin bil-preparamenti.

Din is-sena kienet waħda speċjali għas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa, hekk kif mill-festa li għaddiet ‘l hawn tlesta wkoll ix-xogġol fuq kappella fi ħdan il-każin, b’rakkmu minn Milan.