Internazzjonali

Iżommu lir-Russja ‘responsabbli’ għall-qerda ta’ ajruplan

 

L-Olanda u l-Awstralja qalu li qed iżommu lir-Russja responsabbli għat-twaqqigħ, fl-2014, tal-ajruplan tal-passiġġieri tal-Malaysia Airlines li ġġarraf  f’territorju tal-Ukrajna li kien ikkontrollat minn ribelli.

Il-298 persuna fuq Titjira MH17 mietu kollha fit-tiġrif tal-ajruplan li ntlaqat minn missila waqt li kien qed jivvjaġġa minn Amsterdam lejn Kuala Lumpur, fil-Malasja. Din il-ġimgħa, investigaturi internazzjonali taħt it-tmexxija tal-Olanda konkludew li l-missila sparata kienet ‘ta’ brigata (militari) Russa’; bir-Russja tiċħad li kellha x’taqsam mal-qerda tal-ajruplan.

Fit-tiġrif kienu mietu 193 ċittadin Olandiż, 43 Malasjani u 27 Awstraljani. Il-vittmi l-oħrajn kienu jinkludu Britanniċi, Belġjani u Ġermaniżi.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu ċaħad il-versjoni tal-investigaturi Olandiżi, b’Moska, qabel, tinsisti li ‘ma ntużat l-ebda arma tagħha’ għat-twaqqigħ tal-ajruplan Malasjan. Intant, l-investigaturi internazzjonali sabu li ‘il-vetturi kollha ta’ konvoj li kien qed iġorr il-missila kienu parti mill-qawwiet armati tar-Russja’. Il-missila kienet anki sparata minn territorju fil-Lvant tal-Ukrajna okkupat minn ribelli leali għal Moska.

L-Olanda u l-Awstralja issa qalu li r-Russja abbużat il-liġi internazzjonali, b’din id-deċiżjoni titħabbar mill-Gvern Olandiż  u l-Ministru tal-Awstralja għall-Affarijiet Barranin, Julie Bishop. Il-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Barranin, Stef Blok, qal li ‘skont dak li konkludew l-investigaturi, l-Olanda u l-Awstralja huma konvinti li r-Russja kienet responsabbli għall-istazzjonar tas-sistema missilistika ‘Buk’ li ntużat biex twaqqa l-ajruplan Malasjan fl-2014’.

Dan meta l-Gvern Olandiż kien qed jieħu ‘il-pass li jmiss’ u jżomm lir-Russja ‘kontabbli’ fiċ-ċirkustanzi. Iżda waqt li l-Awstralja wkoll ikkonkludiet li ‘ir-Russja kienet direttament involuta fit-twaqqigħ tal-MH17’, hu minnu li akkuża kontra Stat dwar xi abbuż tal-liġi internazzjonali għandha tinvolvi ‘proċess legali twil u kumplikat’.