55 tifel u tifla ta’ bejn it-12 u s-16-il sena mis-Siġġiewi Basketball Club taw bidu għall-maratona tal-Basketball b’risq Puttinu, ġewwa l-kumpless ta’ Montekristo f’Ħal Farruġ.
Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-kowċ ta’ Siġġiewi, Karl Borg tkellem dwar id-dedikazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ għal-logħba tal-basketball u faħħar il-kisbiet tagħhom. Dan hekk kif it-tim tat-tfajliet ta’ taħt l-14 il sena rebħu l-kampjonat, u dawk ta’ taħt il-16 il sena tat-tfajliet u ta’ taħt l-14-il sena tas-subien waslu sas-semi finali.
Għal-ftuħ ta’ din il-maratona attenda il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia akkumpannjat mill-kelliem tal-oppożizzjoni għall-isport, Ryan Callus. Huma ġew mistiedna jidħlu fil-kort u jipparteċipaw fil-logħba.
Matul il-5 snin li għaddew is-Siġġiewi Basketball Club irnexxielu jiġbor €17,000 b’risq Puttinu Care. Din is-sena, l-għan hu li jinġabru €10,000.
Il-maratona bdiet fil-ħamsa tal-Ġimgħa wara nofsinhar u tgħalaq is-Sibt fit-tmienja ta’ filgħaxija wara 27 siegħa logħob.
//= $special ?>