Jismu ‘Ġrajjiet’ il-ktieb li jiġbor fih 50 rakkont u aneddotu miktub minn missjunarji Maltin u Għawdxin li servew f’pajjiżi differenti madwar id-dinja fis-snin mgħoddija.
Dan il-ktieb ġie mniedi mill-uffiċċju missjunarju Malti u Għawdxi, il-Missio, fil-kurja tal-Arċisqof. Fil-ktieb hemm ir-rakkonti ta’ 50 minn fost totali ta’ madwar 700 missjunarju.
Mons Salvinu Micallef, direttur tal-Missio, qalilna li l-idea nibtet waqt żjarat li kien jagħmel f’pajjiżi tal-missjoni. Il-missjunarji f’dawn il-pajjiżi ta’ spiss kienu jirrakkontawlu stejjer interessanti – uħud minnhom tal-biża’, u oħrajn umoristiċi, li hu ħass li tkun ħasra jekk jitħallew jintilfu. Kien hekk li beda x-xogħol biex jinġabru dawn ir-rakkonti biex issa tlesta dan l-ewwel ktieb.
Charles Buttigieg, l-editur ta’ Ġrajjiet qal illi l-ħarġa ta’ dan il-ktieb timlih b’tama li jinġabru stejjer oħra biex jinħareġ it-tieni volum.
L-isqof Emeritu Mons Paul Darmanin li serva 32 sena fid-djoċesi ta’ Garissa fil-Kenja qal kif kemm il-darba persuni li għamlu esperjenza ta’ missjoni kienu stqarru miegħu li fil-verita’, iktar kienu rċevew huma mill-esperjenza milli taw.
Tkellem magħna Fr Vince Magro MSSP, li 50 sena ilu kien telaq għall-missjoni fil-Peru.
Il-ktieb Ġrajjiet jiġbor fih stejjer umani, ta’ biża’, ta’ sagrifiċċju u ta’ mħabba miktuba minn missjunarji reliġjużi kif ukoll missjunari lajċi.
//= $special ?>
