Lokali

Periklu ta’ kuljum għal residenti fi triq f’Raħal Ġdid

Sidien ta’ residenzi fi Triq il-Ġdida f’Raħal ġdid qed jgħixu f’periklu ta’ kuljum u apparti minn hekk, qed isibu lil min suppost jiddefendihom li minflok qed jirridikolahom u jimlilhom rashom b’wegħdiet fiergħa.

Wieħed minn dawn hu Alfred Gatt, li f’sena u nofs ra l-gallarija tiegħu tiġġarraf darbtejn kawża ta’ vetturi ta’ daqs kbir li jgħaddu mill-istess triq. Dan għaliex vetturi pparkjati ma’ naħa tat-triq qed iwasslu biex is-sewwieqa jrossu mal-faċċata tar-residenzi.

Gatt spejga lil Net News li l-iktar każ riċenti, fit-3 ta’ dan ix-xahar, seħħ kmieni filgħodu meta sema’ ħoss kbir u kif ħareġ barra sab li vettura li ġġorr l-iskips niżżlitlu kemm kellu aluminju u ħġieġ tal-gallarija.

Il-problema eskalat meta beda l-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, li wassal biex ammont ferm ikbar ta’ vetturi beda jiġi devjat lejn dawn it-toroq.

Dan bil-konsegwenza li ta’ kull filgħodu, ir-residenti jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ kaos fit-triq, b’serbut karozzi li jridu joħorġu minn Raħal Ġdid. U minkejja tabelli biex vetturi kbar ma jgħaddux minn din it-triq, l-infurzar ma jeżistix.

 

In-nuqqas ta’ bankina quddiem dawn ir-residenzi qed iwassal ukoll għal periklu kemm għar-residenti, uħud minnhom bi tfal żgħar, kif ukoll għal min jinzerta għaddej mit-triq hekk kif dawn qed jispiċċaw jintrassu mal-ħajt biex ma jintlaqtux.

Ir-residenti qed jitolbu li għallinqas jitneħħa l-parkeġġ b’mod temporanju, ilmenti li Alfred għamilhom kemm mal-Kunsill Lokali u wkoll mas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis li saħansitra wegħdu li dan se jseħħ.

Sadattant ix-xogħol fil-Pjazza Antoine de Paule għadu għaddej minkejja li l-wegħda li jsir dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni ilha li saret mill-2015.

Dan anke b’detriment għall-ħwienet, b’mod speċjali dawk ta’ quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa, li ilhom xhur bil-ħadid, trab u inġenji kbar quddiemhom u mhux eskluż li se jkollhom jagħlqu l-bibien tagħhom għal xi jiem matul dan il-proġett.